Missjoni
u Objettivi
Il-missjonijiet u l-kompiti tal-ACER huma
ddefiniti mid-Direttivi u r-Regolamenti tat-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija,
b’mod speċjali r-Regolament (KE) 713/2009 li jistabbilixxi l-Aġenzija.
Fl-2011, l-ACER irċeviet kompiti addizzjonali skont ir-Regolament (UE)
Nru 1227/2011 dwar l-integrità u t-trasparenza tas-swieq tal-enerġija
bl-ingrossa (REMIT) u fl-2013, skont ir-Regolament (UE) Nru 347/2013 dwar
linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea.
Il-missjoni ġenerali tal-Aġenzija, kif
iddikjarat fir-regolament li jistabbilixxiha, hija li tikkumplementa u
tikkoordina l-ħidma tar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija fil-livell tal-UE, u
li taħdem lejn it-tlestija tas-suq uniku tal-enerġija tal-UE għall-elettriku u
l-gass naturali.
L-ACER għandha rwol ċentrali fl-iżvilupp ta’ netwerk
għall-UE kollha u regoli tas-suq bl-għan li titjieb il-kompetizzjoni. L-aġenzija tikkoordina l-inizjattivi
reġjonali u transreġjonali, li jiffavorixxu l-integrazzjoni tas-suq. Din
timmonitorja l-ħidma tan-netwerk Ewropew tal-operaturi tas-sistemi
tat-trażmissjoni (ENTSOs), u b’mod notevoli, il-pjanijiet tagħhom
għall-iżvilupp tan-netwerk fl-UE kollha. Fl-aħħar nett, l-ACER timmonitorja
l-funzjonament tas-swieq tal-gass u tal-elettriku b’mod ġenerali, u b’mod
partikolari tal-kummerċ tal-enerġija bl-ingrossa.